Gwida għar-riżorsi
KUNĊETT EWLIENI:
Vjaġġ fl-ispazju - Id-Diskors persważiv
Din il-lezzjoni (jew grupp ta’ lezzjonijiet) tinkoraġġixi lill-istudenti biex jippreparaw taħdita persważiva biex tkun parti minn kompetizzjoni fittizja biex imorru fuq vjaġġ fl-ispazju. Is-studenti jippreżentaw it-taħdita tagħhom quddiem il-bqija tal-klassi, u l-istudenti kollha huma mħeġġa biex jagħtu feedback kostruttiv.
Din il-lezzjoni tista’ ssegwi lezzjoni li tkun introduċiet id-diskors persważiv.
Kisbiet mit-tagħlim tal-Ħiliet
Taħdit 1
Fid-diskors tiegħi ta’ kuljum, inħaddem sewwa kemm forom ta’ taħdit litterali, mogħnija b’firxa ta’ vokabularju xieraq, kif ukoll taħdit figurattiv ħafif bl-użu ta’ espressjonijiet, mistoqsijiet rettoriċi, idjomi u qwiel, diskors li jagħmel sens u jkun marbut mas-suġġett u għalhekk iżomm l-udjenza attenta u interessata.
Taħdit 12
Nevalwa l-preżentazzjoni ta’ persuni oħra billi nagħti rispons b’mod orali u filwaqt li nagħraf il-pożittiv, nissuġġerixxi tibdil/titjib u nagħti r-raġuniji/ijiet għas-suġġerimenti tiegħi.
Taħdit 15
Nagħżel kliem, espressjonijiet u ġesti xierqa biex insostni l-argumenti tiegħi skont l-okkażjoni u l-kuntest tad-diskussjoni; b’hekk inwassal il-punt tiegħi b’aktar qawwa biex nikkonvinċi lill-udjenza.
Smigħ 10
Naf inkun parti minn udjenza li tisma’, tifhem u tipparteċipa.
Qari 5
Infittex it-tagħrif minn sorsi differenti billi naqra u nibda nagħmel riċerka skont il-ħtieġa ngħidu aħna, minn kotba, gazzetti, magażins, fuljetti, siti elettroniċi, bloggs, tabelli, u l-bqija.
Qari 6
Nagħraf li ġeneri differenti ta’ kitba għandhom funzjonijiet differenti, ngħidu aħna, jirrakkuntaw, jiddeskrivu, jgħarrfu, jgħallmu, jagħtu gost, idaħħku, jispjegaw, jirreklamaw, ibigħu, jesprimu sentiment, u l-bqija.
Kitba 1
Nippjana waħdi l-ideat u norganizzahom billi fost oħrajn ninseġ għanqbuta ta’ ħsibijiet, mappa kunċettwali, tpinġija, lista u l-bqija u minnhom infassal abbozzi għal kitbieti skont għanijiet speċifiċi.
Kitba 2
Inqassam il-kitba tiegħi f’paragrafi ta’ qisien differenti u norbothom flimkien skont il-mixja tal-ideat.
Riżorsi provduti
- Preżentazzjoni għall-użu fil-klassi
- Fehim mill-qari – Niltaqgħu ma’ Tim Peake – Astronawta mal-Aġenzija Spazjali Ewropea
- Attività tal-kitba u Attività tat-taħdit (Vjaġġ fl-Ispazju)
Attivitajiet li jistgħu jsiru
- Fil-bidu tal-lezzjoni, bl-għajnuna tal-preżentazzjoni provduta, oħloq diskussjoni fuq l-esplorazzjoni tal-ispazju – l-attivitajiet involuti, x’jistgħu jaraw fl-ispazju, it-tip ta’ ħajja li jgħixu hemm, eċċ.
- Issir l-attività tal-fehim mill-qari biex jiġi introdott vokabularju relatat mal-ispazju, li jistgħu jużaw fl-attivitajiet tal-kitba u tat-taħdit.
- Bħala parti minn din il-lezzjoni, jew f’lezzjoni preċedenti, tajjeb li ssir introduzzjoni jew konsolidazzjoni ta’ frażijiet ewlenin relatati mad-diskors persważiv. Xi suġġerimenti dwar id-diskors persważiv jinsab fil-preżentazzjoni għall-użu fil-klassi.
- Attività f’pari – l-għalliema jippreżentaw l-attivitajiet tal-kitba u tat-taħdit permezz tal-preżentazzjoni, u jħeġġu lill-istudenti biex jiddiskutu f’pari x’raġunijiet kieku jagħtu biex jintagħżlu għal vjaġġ fl-ispazju.
- Attività tal-kitba (Vjaġġ fl-Ispazju) – Din l-attività tista’ tinbeda fil-klassi l-istess lezzjoni/fil-lezzjoni ta’ wara jew inkella ssir id-dar. L-istudenti għandhom jippreparaw diskors persważiv qasir għall-kompetizzjoni fittizja, u jinkludu anki xi viżwali jew slides biex it-taħdita (li ssir fil-lezzjoni ta’ wara) tkun iktar attraenti.
- Attività tat-taħdit (Vjaġġ fl-Ispazju) – Din l-attività idealment issir f’lezzjoni oħra, wara li l-istudenti jkollhom ċans jagħmlu ftit riċerka biex jirfinaw id-diskors persważiv tagħhom u biex jippreparaw il-viżwali u s-slides. Fil-klassi għandhom jippreżentaw l-istudenti kollha, u jingħata feedback f’pari, bħala klassi, jew mingħand l-għalliema, skont il-preferenza tal-għalliema.
N.B. L-attivitajiet imsemmija hawn fuq jistgħu jsiru kemm f’lezzjoni waħda jew mifruxa fuq bosta lezzjonijiet, sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni restrizzjonijiet ta’ ħin u l-progress naturali minn ħiliet riċettivi għal dawk produttivi.
Rabtiet transkurrikulari
- L-Ingliż
- Oral and Persuasive Language Skills